Sabiex jipprovdi servizz aħjar lis-sajjieda, matul is-snin id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura installa pilastri ta’ servizz madwar il-Gżejjer Maltin. Dawn il-pilastri jipprovdu lis-sajjieda bl-ilma u bl-elettriku għall-użu fuq il-bastimenti tas-sajd tagħhom. Bħalissa hemm installati aktar minn mitt (100) pilastru, bil-maġġoranza tagħhom — aktar minn ħamsin (50) — jinsabu fir-raħal tas-sajd ta’ Marsaxlokk. Postijiet oħra jinkludu San Pawl il-Baħar, Marsaskala, Birżebbuġa, San Ġiljan, il-Kalkara, Marsamxett, iż-Żurrieq, l-Imsida, il-Mellieħa, Ġnejna, Marfa u l-Marsa.
Biex jintużaw dawn il-pilastri huwa meħtieġ ‘transponder’ (ċippa). Dawn it-transponders jistgħu jinkisbu jew mill-Hard Standing Facility f’Marsaxlokk jew permezz ta’ applikazzjoni online min din il-ħolqa Is-sajjieda jistgħu jżidu fit-transponders tagħhom l-ammont ta’ kreditu li jeħtieġu sabiex imbagħad jużaw dak il-kreditu skont l-użu tas-servizzi (ilma u/jew elettriku) meħuda mill-pilastri. Il-ħlas għal dawn it-transponders għandu jsir permezz ta’ karta ta’ kreditu jew debitu minn ATM machines li jinsabu ġewwa il-Faċilità tal-Hardstanding (Marsaxlokk), Pixkerija il-Marsa u Landing Facility ġewwa San Pawl (Veċċja). Is-servizz huwa ta’ 24/7.
F’każ li jkun hemm problemi li jikkonċernaw pilastri difettużi, wieħed għandu jirrapporta fuq in-numru tat-telefon 21654015, li huwa disponibbli 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.