Min huwa eliġibbli u kif jista’ jsir il-ħlas:
Il-Liċenzji tal-Bastimenti tas-Sajd kollha huma validi għal perjodu ta’ sena skont id-data ta’ skadenza murija fir-rokna ta’ isfel fuq ix-xellug tal-liċenzja tas-sajd.
Kwalunkwe bastiment irreġistrat mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura (DFA) huwa eliġibbli biex japplika għal tiġdid tal-liċenzja tas-sajd.
Madwar xahar qabel id-data ta’ skadenza, kif muri fuq il-liċenzja tas-sajd, tintbagħat fattura lil sid il-bastiment tas-sajd li tindika l-ammont li għandu jitħallas.
Il-ħlas għandu jsir jew fi kwalunkwe wieħed mill-uffiċċji tal-fergħat tal-Bank of Valletta (BOV) madwar Malta u Għawdex, jew mill-Faċilità ta’ Ħlas tal-Kontijiet tal-BOV fi żmien tliet ġimgħat mid-data tal-fattura.
Il-ħlas tat-tiġdid tal-liċenzja jista’ jsir permezz tal-App tal-Mowbajl tas-Sajd u l-Akkwakultura ta’ Malta, billi jiġi skennjat il-Kodiċi QR ipprovdut u billi jiġu segwiti l-istruzzjonijiet għall-ħlas fuq l-App.
(Għal aktar informazzjoni dwar l-użu tal-App tal-Mowbajl tas-Sajd u l-Akkwakultura ta’ Malta, aqra aktar l-isfel.)
Jekk il-ħlas ikun qed isir permezz tal-BOV Mobile Banking App; it-tariffa għandha tiġi indirizzata lid-Dipartiment tas-Sajd u l-akkwakultura bħala l-entità.
L-informazzjoni li għandha tiddaħħal bħala parti mill-proċess tista’ tinstab fil-parti ta’ isfel nett tal-paġna ta’ wara tal-fattura, taħt l-intestatura Informazzjoni dwar id-Dettalji tal-Ħlas Bankarju dwar metodi alternattivi ta’ ħlas.
Inkella, meta l-ħlas isir permezz ta’ banek oħrajn (jiġifieri minbarra l-BOV), wieħed għandu jsegwi u jagħmel użu mid-dettalji bankarji li huma pprovduti fil-parti t’isfel tal-paġna ta’ wara tal-fattura, li jinsabu wkoll taħt l-intestatura: Informazzjoni dwar metodi alternattivi ta’ ħlas.
Barra minn hekk, f’każijiet bħal dawn, wieħed jiġi mfakkar biex jipprovdi lid-dipartiment kopja tat-tranżazzjoni bħala prova ta’ ħlas. Din il-kopja għandha tintbagħat b’email lil [email protected]
In-naħa ta’ wara tal-fattura fiha aktar informazzjoni li tista’ tkun utli matul il-proċedura.
Ladarba jkun sar il-ħlas minn sid il-bastiment, ir-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd fi żmien xieraq joħroġ liċenzja tas-sajd imġedda li tintbagħat bil-posta normali jew fuq talba tas-sid tista’ tinġabar ukoll mill-uffiċċju ewlieni tad-DFA fl-Għammieri.
Tiġdid tal-Liċenzja u Applikazzjoni ta’ Awtorizzazzjoni Speċjali fuq l-Applikazzjoni tal-Mowbajl tal-MAFA
Introduzzjoni
Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura joffri l-faċilità kemm għall-ħlas tal-Liċenzja Annwali tas-Sajd kif ukoll għall-applikazzjoni għal Awtorizzazzjonijiet Speċjali tas-Sajd speċifiċi direttament mill-applikazzjoni tal-Mowbajl tas-Sajd u l-Akkwakultura ta’ Malta.
Tiġdid Annwali tal-Liċenzja tas-Sajd
Biex jitlesta l-ħlas għal-liċenzja tas-sajd annwali permezz tal-App tal-Mowbajl tal-MAFA:
- Iftaħ it-tab għat-Tiġdid tal-Liċenzja tal-Bastiment tas-Sajd
- Ippermetti aċċess għall-Kamera
- Skennja l-Kodiċi QR li jinsab fuq il-paġna ta’ quddiem tal-Fattura tal-Liċenzja
- Kun ċert li d-dettalji li jimtlew awtomatikament huma korretti, daħħal l-indirizz tal-email u kkonferma
- Daħħal id-dettalji tal-karta ta’ kreditu/debitu kif mitlub
- Jekk il-ħlas jgħaddi se tirċievi email ta’ konferma
- Il-liċenzja se tintbagħat fl-indirizz irreġistrat tas-sid tal-bastiment permezz tal-posta
Applikazzjoni għal Awtorizzazzjonijiet Speċjali
Sabiex tapplika għal Awtorizzazzjoni Speċjali tas-Sajd speċifika permezz tal-App tal-Mowbajl tal-MAFA:
- Agħżel Kategorija tal-Bastiment tas-Sajd li għalih għandha tinħareġ l-Awtorizzazzjoni. Dan huwa bbażat fuq il-kategorija tal-bastiment:
Kummerċjali: MFA, MFB
Rikreattiv: MFC, S, VLT
- Agħżel Awtorizzazzjoni Speċjali bbażata fuq l-eliġibbiltà tal-bastiment
L-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd Speċjali disponibbli fuq l-App tal-Mowbajl tal-MAFA huma kif ġej:
Kummerċjali: Tonn, Alonga, Lampara, Lampuka, Pixxispad, Tartarun, Tkarkir, Irmunkar
Rikreattiv: Tonn, Alonga, Lampuka
Fil-każ ta’ Applikazzjonijiet għal Awtorizzazzjoni Rikreattiva Speċjali Biss:
- Id-dokumenti meħtieġa jinkludu l-Karta tal-Identità ta’ sid il-bastiment u ċertifikat validu skont f’liema kategorija huwa rreġistrat il-bastiment:
MFC – Liċenzja Annwali tas-Sajd Valida
S – Ċertifikat Validu ta’ Transport Malta
VLT – Ċertifikat Validu tar-Reġistru ta’ Malta
- Daħħal id-dettalji tal-bastiment u tas-sid kif mitlub, u ibgħat l-Applikazzjoni
- Il-ħlas fis-saldu ta’ Awtorizzazzjoni Speċjali jista’ jiġi ffinalizzat biss ladarba tasal l-approvazzjoni mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura.
- Ladarba l-Applikazzjoni tiġi approvata mid-DFA u jsir il-ħlas, l-Awtorizzazzjoni Speċjali tintbagħat lis-sid direttament permezz ta’ email.
Jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda, l-applikant għandu jirċievi email ta’ notifika li tinformah bir-raġuni għalfejn l-applikazzjoni ġiet miċħuda.