Sejħa għal Proposti ta’ Proġetti ffinanzjati mill-Fond tal-Akkwakultura

Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura nieda l-Fond tal-Akkwakultura biex jiġu ffinanzjati proġetti żgħar għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll inizjattivi ta’ konservazzjoni immirati lejn żoni madwar attivitajiet tal-akkwakultura biex b’hekk jitnaqqas kwalunkwe tip ta’ impatt li l-akkwakultura jista’ jkollha fuq l-ambjent tal-madwar. Dawn l-inizjattivi jistgħu jieħdu forma ta’ żviluppi ta’ proċessi ta’ operat sostenibbli, protezzjoni u konservazzjoni tal-bijodiversità, tnaqqis u mmaniġġjar aħjar tal-iskart, promozzjoni fl-użu ta’ enerġija nadifa u rinnovabbli, turiżmu alternattiv, studji edukattivi, u promozzjoni ta’ riċerka u żvilupp, eċċ. It-twaqqif ta’ dan il-fond joriġina mill-ħtiġijiet fis-seħħ imsemmija fir-Regolament tal-Operazzjonijiet tal-Akkwakultura, L.S. 425.12.

Eliġibbiltà

Dawk eliġibbli biex jibbenifikaw minn dan il-fond huma :

• Organizzazzjonijiet li jifformaw parti mill-amministrazzjoni pubblika skont l-Att tal-Amministrazzjoni Pubblika ;
• Studenti reġistrati ma’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u avvanzata rikonoxxuti u akkreditati mill-Awtorità tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla; u
• Organizzazzjonijiet voluntarji reġistrati skont l-Att tal-Organizzazzjonijiet Voluntarji.

Kull proġett huwa intitolat għal massimu ta’ €10,000 u jrid jiġi ffinalizzat fi żmien sentejn minn meta jiġi aċċettat.

Kif tapplika

Dawk kollha interessati jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom flimkien ma’ deskrizzjoni ddettaljata u ċara tal-proposta, liema deskrizzjoni għandha tinkludi l-iskop speċifiku tal-proġett u l-kontribut li jissodisfa l-kriterji msemmijin fl-applikazzjoni. Flimkien mal-proposta jrid jiġi sottomess ukoll is-CV tal-applikant ewlieni.

Id-dati ta’ sottomissjoni ta’ proġetti ġodda huma :

  • 23-30 ta’ Marzu 2026.
  • 22-30 ta’ Settembru 2026.

L-applikazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati lill-Bord Tal-Fond tal-Akkwakultura. L-applikanti jridu jċemplu fuq 22926884 biex jagħmlu appuntament biex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom, li jridu jġibuhom bl-idejn fid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, Agriculture Research and Innovation Hub (l-Għammieri), il-Marsa, fil-ġranet imsemmijin hawn fuq.

Għal aktar informazzjoni dwar il-kriterji tal-proposti, l-applikazzjoni u t-termini ta’ referenza tal-applikazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-ħolqa .

The Department
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.