Sejħa għal Proposti ta’ Proġetti ffinanzjati mill-Fond tal-Akkwakultura
Id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura nieda l-Fond tal-Akkwakultura biex jiġu ffinanzjati proġetti żgħar għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-ambjent, kif ukoll inizjattivi ta’ konservazzjoni mmirati lejn żoni madwar attivitajiet tal-akkwakultura biex b’hekk jitnaqqas kwalunkwe tip ta’ impatt li l-akkwakultura jista’ jkollha fuq l-ambjent tal-madwar. Dawn l-inizjattivi jistgħu jieħdu forma ta’ żviluppi ta’ proċessi ta’ operat sostenibbli, protezzjoni u konservazzjoni tal-bijodiversità, tnaqqis u mmaniġġjar aħjar tal-iskart, promozzjoni fl-użu ta’ enerġija nadifa u rinnovabbli, turiżmu alternattiv, studji edukattivi, u promozzjoni ta’ riċerka u żvilupp, eċċ. It-twaqqif ta’ dan il-fond joriġina mill-ħtiġijiet fis-seħħ imsemmija fir-Regolament tal-Operazzjonijiet tal-Akkwakultura, L.S. 425.12 (https://legislation.mt/eli/sl/425.12/mlt). Eliġibbiltà Dawk eliġibbli biex jibbenifikaw minn dan il-fond huma : - Organizzazzjonijiet li jifformaw parti mill-amministrazzjoni pubblika skont l-Att tal-Amministrazzjoni Pubblika ; - Studenti reġistrati ma’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla u avvanzata rikonoxxuti u akkreditati mill-Awtorità tal-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla; u - Organizzazzjonijiet voluntarji reġistrati skont l-Att tal-Organizzazzjonijiet Voluntarji. Kull proġett huwa intitolat għal massimu ta’ €10,000 u jrid jiġi ffinalizzat fi żmien sentejn minn meta jiġi aċċettat. Kif tapplika Dawk kollha interessati jridu jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom flimkien ma’ deskrizzjoni ddettaljata u ċara tal-proposta, liema deskrizzjoni għandha tinkludi l-iskop speċifiku tal-proġett u l-kontribut li jissodisfa l-kriterji msemmijin fl-applikazzjoni. Flimkien mal-proposta jrid jiġi sottomess ukoll is-CV tal-applikant ewlieni. Id-dati ta’ sottomissjoni ta’ proġetti ġodda għas-sena 2026 huma : - 23-30 ta’ Marzu 2026; u - 22-30 ta’ Settembru 2026 L-applikazzjonijiet għandhom jiġu indirizzati lill-Bord Tal-Fond tal-Akkwakultura. L-applikanti jridu jċemplu fuq 22926933 biex jagħmlu appuntament biex jissottomettu l-applikazzjonijiet tagħhom, li jridu jġibuhom bl-idejn fid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, Agriculture Research and Innovation Hub (l-Għammieri), il-Marsa, fil-ġranet imsemmijin hawn fuq. Għal aktar informazzjoni dwar il-kriterji tal-proposti, l-applikazzjoni u t-termini ta’ referenza tal-applikazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-ħolqa.