Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd

Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd

L-għan ewlieni tar-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd huwa li jirreġistra l-bastimenti tas-sajd skont il-klassifikazzjonijiet maħruġa mid-Dipartiment f’konformità mal-S.L. 425.07. Ir-Reġistru jkopri bastimenti fil-kategoriji MFA, MFB u MFC.

Id-differenza bejn il-kategoriji u l-attivitajiet tas-sajd involuti

L-MFA u l-MFB huma kategoriji ta’ bastimenti professjonali, li jfisser li l-qabdiet li jinħattu minn dawn il-bastimenti jistgħu jitqiegħdu fis-suq. Il-bastimenti MFA joperaw fuq bażi full-time, filwaqt li l-bastimenti MFB joperaw fuq bażi part-time. Għaldaqstant, id-Dipartiment jirrikjedi li bastiment MFA jirreġistra qabdiet ta’ valur ogħla minn bastiment MFB.

Il-bastimenti MFC huma bastimenti li ma jistgħux jikkummerċjalizzaw il-qabda tagħhom. Barra minn hekk, hemm ukoll restrizzjonijiet fuq it-tipi ta’ rkaptu li jistgħu jużaw.

Il-bastimenti MFC huma bastimenti li ma jistgħux jikkummerċjalizzaw il-qabda tagħhom. Minbarra dan, dawn huma wkoll ristretti fl-irkapti li jistgħu jintużaw.

Servizzi relatati offruti mir-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd

Ir-responsabbiltajiet tat-taqsima jmorru lil hinn mir-reġistrazzjoni tal-bastimenti. Ir-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd joħroġ liċenzji li jridu jiġġeddu kull sena u fil-ħin xieraq, kif ukoll joħroġ awtorizzazzjonijiet speċjali għas-sajd staġjonali skont ir-regoli tal-ICCAT u l-leġiżlazzjoni tal-UE.

It-talbiet għat-trasferiment tal-bastimenti saru wkoll dejjem aktar komuni f’dawn l-aħħar snin. Dawn it-talbiet jinkludu trasferimenti bejn sidien ta’ bastimenti u trasferimenti lill-werrieta wara l-mewt ta’ sid ta’ bastiment. Ir-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd jipproċessa wkoll talbiet għas-sostituzzjoni ta’ bastimenti, bħal talbiet biex bastimenti tas-sajd ineffiċjenti jiġu sostitwiti b’bastimenti aktar affidabbli u tajbin għat-tbaħħir.

Servizzi oħrajn offruti mir-Reġistru tal-Bastimenti tas-Sajd jinkludu:

· It-tneħħija jew iż-żieda ta’ magni fuq il-bastimenti.
· Bidla fl-irkaptu tas-sajd
· Tibdil fid-dettalji ta’ kuntatt tas-sid, inkluża kull bidla fl-indirizz
· Bidla fil-kaptan
· Bidla fil-kategorija tal-bastiment tas-sajd
· Bidla fid-dettalji tal-bastiment tas-sajd, bħall-isem jew il-kulur
· Żieda jew tneħħija ta’ radju VHF
· Kanċellazzjonijiet ta’ bastimenti tas-sajd

Għal aktar informazzjoni dwar dawn is-servizzi, jekk jogħġbok ikkuntattja lill-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tas-Sajd fuq 22926805/06/08

 
Niżżel Formoli t’Applikazzjoni:

Applikazzjoni għall-Ekwipaġġ tal-Bastiment tas-Sajd
Applikazzjoni (TM) għall-bdil tal-Bastiment tas-Sajd
Applikazzjoni (MCA) għall-bdil ta’ Bastiment fir-Reġistru Malti tal-Bastimenti tas-Sajd

 
Niżżel il-lista tad-dokumenti meħtieġa:

Trasferiment ta’ Bastiment tas-Sajd Professjonali MFA u MFB
Trasferiment ta’ Bastiment tas-Sajd Rikreattiv MFC
Reġistrazzjoni Ġdida għal MFC