L-hekk imsejħa ‘Hard Standing Facility’ tinsab fil-villaġġ tas-sajd ta’ Marsaxlokk. L-HSF tikkonsisti f’żona permanenti xotta ta’ madwar 6000 metru kwadru b’kapaċità massima ta’ rfigħ ta’ 250 tunnellata. L-HSF ilha topera minn Lulju 2007. Minħabba t-tkabbir individwali fit-tunnellaġġ gross tal-flotta tas-sajd Maltija, l-HSF ġiet żviluppata bil-għan li tipprovdi lis-sajjieda bil-possibbiltà li jżommu l-bastimenti tas-sajd tagħhom f’Malta, minflok jirrikorru għal pajjiżi oħrajn fil-qrib bħal Sqallija u t-Tuneżija.
L-HSF għandha żewġ paranki tat-tip straddle, wieħed b’kapaċità massima ta’ 50 tunnellata li jintuża għal bastimenti iżgħar u l-ieħor b’kapaċità massima ta’ 250 tunnellata għal bastimenti akbar. L-HSF toffri servizzi permanenti fix-xott lil bastimenti tas-sajd fil-kategoriji MFA, MFB, MFC u MFD fir-reġistru tal-flotot tas-sajd, u lil bastimenti tas-sajd irreġistrati fl-Istati Membri tal-UE, bastimenti tal-gvern u dgħajjes tal-bdot.