It-Taqsima tal-Bejgħ mis-Sajd tipproċessa n-noti tal-bejgħ tal-ħut, in-noti tal-bejgħ maħruġa għall-bejgħ li sar fis-suq tal-ħut, in-noti tal-bejgħ li jkopru l-bejgħ li sar direttament mis-sajjieda lill-konsumatur u n-noti tal-bejgħ li saru mill-aġent.
In-noti tal-bejgħ kollha jiddaħħlu f’sistema kompjuterizzata (Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Sajd) li permezz tagħha d-dipartiment jiġbor informazzjoni dwar il-bejgħ tal-ħut, inkluż il-piż ta’ kull speċi, kif ukoll il-prezz u l-valur, għal skop ta’ statistika.
Fost l-aktar ħut abbundanti li jinqabad u jinbiegħ mis-sajjieda Maltin insibu l-Pixxispad, il-Lampuki, it-Tonn, il-Fanfru u l-Mazzola. Dawn l-ispeċijiet jikkontribwixxu għal madwar 75 fil-mija tal-qabda totali.
Fost it-tipi ta’ ħut li jġibu l-ogħla prezz u dawk li normalment jiġu offruti fir-ristoranti nsibu l-Paġella Ħamra, iċ-Ċippullazza bl-iskwami (fish scales) kbar, il-Pixxi San Pietru u l-Pagru Rar.
Madankollu, hemm speċijiet ta’ ħut li, għalkemm mhumiex popolari mal-konsumatur, huma ta’ benefiċċju kbir għall-ġisem tagħna minħabba li fihom ammonti kbar ta’ Omega 3, tip ta’ xaħam li huwa meħtieġ għal saħħitna. Fost dawn l-ispeċijiet hemm il-Kavalli, li jinqabdu l-aktar fix-xhur ta’ Mejju, Ġunju u Lulju.
Is-sajjieda Maltin jaqbdu d-diversi speċijiet ta’ ħut matul staġuni differenti matul is-sena. Pereżempju, it-Tonn jinqabad l-aktar f’Mejju u f’Ġunju, waqt li l-Lampuka tinqabad bejn Awwissu u Diċembru.