Direttorat tas-Sajd

Is-settur tas-sajd tal-gżejjer Maltin huwa wieħed varjat, b’dimensjonijiet bijoloġiċi, soċjo-ekonomiċi u kulturali wesgħin. Is-sajd imur lil hinn minn impjieg, jew sors ta’ nutrizzjoni għal bosta minna; għal eluf ta’ familji, huwa għajxien li ingħadda lilhom minn ġenerazzjoni għall-oħra, u li madwaru ddur l-istil ta’ ħajja tagħhom.

Id-Direttorat tas-Sajd huwa responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ politika u strateġiji li jindirizzaw dan is-settur tant importanti, li prinċipalment jinkludu:

• il-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut li jinstabu b’mod naturali;
• it-teħid ta’ miżuri li jistgħu jitqiesu xierqa għall-protezzjoni tal-istokkijiet tal-ħut;
• il-ġbir tal-istatistika, inklużi d-dettalji tal-qabdiet mill-qabda sal-bejgħ;
• l-iżvilupp u l-ġestjoni tas-sajd;
• iż-żamma ta’ reġistru tas-sajd aġġornat bid-dettalji tal-bastimenti inklużi tal-kaptana;
• il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tal-operazzjonijiet tas-sajd;
• ir-regolamentazzjoni tat-twettiq tal-operazzjonijiet tas-sajd u l-operazzjonijiet anċillari għalihom;
• il-ħruġ ta’ liċenzji u tal-awtorizzazzjonijiet varji;
• li tiġi implimentata il-politika tas-sajd skont id-direzzjoni politika tal-ġurnata;
• li jattendi laqgħat barra minn xtutna sabiex jassigura li leħen Malta dejjem ikun mismugħ fil-fora internazzjonali;
• li jżomm kuntatt tajjeb u frekwenti mal-għaqdiet u l-koperattivi tas-sajjieda sabiex flimkien jiddiskutu dwar is-sitwazzjoni tas-sajd u kif din tkun tista’ titjieb dejjem iżjed;
• li jiġu implimentati proġetti li l-għan tagħhom ikun servizz aħjar lis-sajjieda Għawdxin u Maltin kif ukoll investiment fl-għodod tad-Dipartiment;
• li jara li jinħarġu skemi t’għajnuniet varji lis-sajjieda;
• li jiġu implimentati l-miżuri tal-manifest elettorali kif ukoll tal-baġit tal-Gvern tal-ġurnata;
• li jiltaqa’ mas-sajjieda u mal-operaturi skont il-ħtieġa bil-għan li jingħata dejjem servizz aħjar lill-klijenti tad-Dipartiment.