IL-MISSJONI TAGHNA

Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura

L-għan primarju tad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura (DFA) huwa li jiżgura s-sostenibbiltà ta’ speċi ta’ ħut fl-ibħra tagħna u li jsaħħaħ is-settur tas-sajd billi jistabbilixxi u jinforza regoli essenzjali. Billi dawn l-attivitajiet relatati mas-sajd u l-akkwakultura jiġu rregolati, u r-riżorsi jiġu mmonitorjati u kkontrollati, id-Dipartiment jassigura li jissalvagwardja ekosistemi marittimi għall-ġenerazzjonijiet futuri. Aktar minn hekk, infittxu li nedukaw lill-partijiet kollha involuti dwar dawn ir-regolamenti, sabiex dan is-settur ikompli jissaħħaħ għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li l-għixin tagħhom jiddependi fuqu. Għan ieħor importanti ħafna hu li nippromwovu l-iżvilupp tal-industrija tal-akkwakultura, sabiex ilaħħaq mad-domanda tas-swieq, kemm lokali u internazzjonali, filwaqt li titnaqqas il-pressjoni fuq il-ħut selvaġġ. Fl-aħħar nett, id-Dipartiment huwa kommess li jassigura li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal ħut frisk u tajjeb għas-saħħa, li jiġi minn sorsi sostenibbli, u li jitħares l-ambjent waqt li jagħti kontribut lill-iżvilupp ekonomiku.