L-għan primarju tad-Direttorat tal-Kontroll fuq is-Sajd huwa li jiżgura s-sostenibbiltà ta’ speċi ta’ ħut fl-ibħra tagħna u li jsaħħaħ is-settur tas-sajd billi jistabbilixxi u jinforza regoli essenzjali. Billi dawn l-attivitajiet relatati mas-sajd u l-akkwakultura jiġu rregolati, u r-riżorsi jiġu mmonitorjati u kkontrollati, id-dipartiment jassigura li jissalvagwardja ekosistemi marittimi għall-ġenerazzjonijiet futuri. Aktar minn hekk, id-dipartiment ifittex li jeduka lill-partijiet kollha involuti dwar dawn ir-regolamenti, sabiex dan is-settur ikompli jissaħħaħ għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li l-għixin tagħhom jiddependi fuqu. Fl-aħħar nett, id-dipartiment huwa kommess li jassigura li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal ħut frisk u tajjeb għas-saħħa, li jiġi minn sorsi sostenibbli, u li jitħares l-ambjent waqt li jagħti kontribut lill-iżvilupp ekonomiku.
Ta’ kuljum id-Direttorat jopera fil-portijiet fejn isir il-ħatt tal-ħut, jagħmel spezzjonijiet fuq il-baħar u fl-uffiċini tad-Dipartiment 24 siegħa kuljum permezz ta’ Uffiċjala tas-Sajd li jaħdmu fiċ-Ċentru għal Moniteraġġ tas-Sajd.
Id-Direttorat tal-Kontroll jieħu ħsieb ukoll li jirrappreżenta lill-Malta f’istituzzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħal ma huma l-Unjoni Ewropea (UE), l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku (ICCAT) u l-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd fil-Mediterran (GFCM).